gov.mt

pr261454

PR261454

09/09/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Unur prestiġjuż lill-eks Speaker Anġlu Farrugia li ser jirċievi l-CPA Lifetime Achievement Award 2026

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-għażla tal-eks Speaker Dr Anġlu Farrugia biex jirċievi l-CPA Lifetime Achievement Award 2026 tal-Commonwealth Parliamentary Association (CPA).

Dr Farrugia huwa l-ewwel parlamentari Malti li se jirċievi dan l-unur prestiġjuż, mogħti bħala rikonoxximent għall-karriera parlamentari distinta tiegħu u għall-kontribut fit-tul lejn id-demokrazija parlamentari, il-governanza tajba u s-servizz pubbliku, kif ġustament tenniet is-CPA fil-korrispondenza tagħhom.

Il-ġurija tal-CPA qalet li kienet partikolarment impressjonata bir-rekord ta’ Dr Farrugia bħala parlamentari, bil-kontribut tiegħu fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-governanza tajba, kif ukoll bl-impatt dejjiemi tal-ħidma tiegħu fil-Parlament u fi ħdan il-Commonwealth.

Matul aktar minn tlettax-il sena bħala Speaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Farrugia ppreseda fuq numru ta’ żviluppi u riformi istituzzjonali importanti, fosthom it-tisħiħ tal-awtonomija amministrattiva u finanzjarja tal-Parlament, kif ukoll inizjattivi favur aktar aċċessibbiltà, trasparenza u responsabbiltà parlamentari. Tul il-Presidenza tiegħu ta wkoll 288 ruling u ġew ippubblikati diversi xogħlijiet u pubblikazzjonijiet marbuta mal-ħidma parlamentari, il-governanza u d-diplomazija parlamentari.

Fi żmien il-Presidenza tiegħu, il-Parlament Malti kellu wkoll rwol importanti fit-twaqqif tal-Commonwealth Association of Public Accounts Committees (CAPAC) u ospita l-Coordinating Unit tagħha, b’Malta tagħti kontribut dirett lejn aktar accountability u sorveljanza parlamentari fi ħdan il-Commonwealth.

Fuq livell internazzjonali, Dr Farrugia kien l-ewwel Chairperson elett tas-CPA Small Branches, fejn ħadem biex jissaħħaħ ir-rwol u l-vuċi tal-ġurisdizzjonijiet iż-żgħar fi ħdan il-Commonwealth. Fi ħdan l-Inter-Parliamentary Union, ġie elett President tal-Committee to Promote Respect for International Humanitarian Law u reġa’ ġie elett unanimament għat-tieni mandat. Kien ukoll membru tat-Task Force tal-IPU dwar is-soluzzjoni paċifika tal-gwerra fl-Ukrajna.

L-Ispeaker Carmelo Abela qal li dan ir-rikonoxximent prestiġjuż jagħti ġieħ lill-kontribut ta’ Dr Farrugia tul snin twal ta’ servizz parlamentari u pubbliku, filwaqt li huwa wkoll ta’ prestiġju għall-Parlament Malti u għall-kontribut tiegħu fil-qasam parlamentari internazzjonali.  Kien għalhekk ta’ sodisfazzjon li s-CPA aċċettat in-nomina li l-Parlament Malti kien għamel ftit tax-xhur ilu.

Dr Farrugia se jingħata l-premju formalment fis-17 ta’ Settembru 2026 f’Cape Town, l-Afrika t’Isfel, waqt id-69 Commonwealth Parliamentary Conference.